It-3 Ħadd tal-Avvent
Ejja Mulej, ħa ssalvana
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Is 35, 1-6a. 10
Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad
bħar-ranġis. Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni.
Sebħ il-Libanu jingħata lilha, il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron. Għad jaraw
is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel ta’ Alla tagħna.
Qawwu l-idejn mitruħa;
saħħu l-irkubbtejn imriegħda. Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux! Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas ta’ Alla wasal; Hu stess ġej biex isalvakom”.
Imbagħad jinfetħu għajnejn
l-għomja, jinfetħu widnejn
it-torox. Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Jerġgħu lura l-mifdijin
tal-Mulej, u jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ, b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom.
Il-ferħ u l-hena jiksbu, u jgħibu swied il-qalb u
l-krib.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lill Alla
Salm Responsorjali
℟:/ Ejja Mulej, ħa ssalvana
Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż
lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles
lill-imjassrin.
℟:/ Ejja Mulej, ħa ssalvana
Il-Mulej jiftaħ għajnejn
l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin.
℟:/ Ejja Mulej, ħa ssalvana
Hu jżomm lill-iltim u
lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.
℟:/ Ejja Mulej, ħa ssalvana
Qari mill-Ittra ta’
San Ġakbu
Appostlu
Ġak 5, 7-10
Ħuti, stabru, sa ma jasal
il-Mulej. Ara, il-bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna l-frott għażiż tal-art,
sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra. Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax
il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib.
Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem il-bieb!
Bħala eżempju tat-tbatija u
s-sabar, ħuti, ħudu l-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej.
Ejja Mulej Ġesù
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lill Alla
Hallelujah, Hallelujah
L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara
t-tajba lill-fqajrin.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 11, 2-11
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġwanni, li kien fil-ħabs, sama’
bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn
mid-dixxipli tiegħu u qallu:
“Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.
Ġesù wieġeb u qalilhom:
“Morru agħtu lil Ġwanni
l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu,
il-lebbrużi jfiqu,
it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.
Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni:
“Xi ħriġtu taraw
fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin?
Dawk li jilbsu fin
fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta?
Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub:
‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek’.
Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni
l-Battista.
U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna
tas-Smewwiet hu akbar minnu”.
Ejja Mulej Ġesù
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
It-3 Ħadd tal-Avvent
Ejja Mulej, ħa ssalvana
Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna.
U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem.
Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.
U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej
mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.