Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan
Sena Ċ
” Dan ħuk kien mejjet
u raġa’ qam,
kien mitluf u nstab.”
Qari I
Il-poplu ta’ Alla jidħol fl-art imwiegħda u jiċċelebra l-Għid.
Qari mill-Ktieb
ta’ Ġożwè Ġoż 5:9a,10-12
F’dak iż-żmien,
il-Mulej qal lil Ġożwè:
“Illum jien neħħejtilkom
minn fuqkom l-għajb
tal-Eġittu”.
Ulied Iżrael waqqfu l-kamp tagħhom f’Gilgal.
Hemm, fil-witat ta’ Ġeriko, għamlu l-Għid filgħaxija
tal-erbatax tax-xahar.
U sewwasew l-għada tal-Għid, huma kielu mill-frott tal-art: ħobż ażżmu u qamħ inkaljat.
Minn dakinhar, wara li kielu mill-frott tal-art,
il-manna waqfet.
Ulied Iżrael ma kellhomx
aktar manna,
imma minn dik is-sena
bdew jieklu milli bdiet tagħtihom l-art ta’ Kangħan.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Irroddu ħajr lill Alla
Salm Responsorjali
Salm 33(34):2-3,4-5,6-7
℟ Duqu u taraw
kemm hu tajjeb il-Mulej.
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.
℟ Duqu u taraw
kemm hu tajjeb il-Mulej.
Xandru l-kobor
tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej,
u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni.
℟ Duqu u taraw
kemm hu tajjeb il-Mulej.
Ħarsu lejh u
jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ
u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu
kollha ħelsu.
℟ Duqu u taraw
kemm hu tajjeb il-Mulej.
Qari II
Alla ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu.
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin 2 Kor 5:17-21
Ħuti, meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid;
il-qadim għadda u
daħal il-ġdid.
Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana
l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla.
Alla kien li ħabbeb
il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna
l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
Aħna nagħmluha
ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna,
nitolbu fuq li nitolbu
f’ġieħ Kristu:
Ħallu lil Alla
jħabbibkom miegħu.
Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Irroddu ħajr lill Alla
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Lq 15:18
Ħa nqum
u mmur għand missieri,
u ngħidlu:
Missier,
dnibt kontra s-sema
u kontra tiegħek.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.
Qari mill-Evanġelju skont
San Luqa Lq 15:1-3,11-32
F’dak iż-żmien,
il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom
lejn Ġesù biex jisimgħuh.
U kemm il-Fariżej u
kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu:
“Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”.
U Ġesù qabad u
qalilhom din il-parabbola:
“Kien hemm raġel
li kellu żewġ ulied.
Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid’.
U dak qassmilhom il-ġid.
Ma kinux għaddew
wisq ġranet, meta ż-żgħir
sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed,
u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra.
Meta ħela kulma kellu,
fuq dak il-pajjiż
waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn.
U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer.
Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.
Imbagħad daħal fih innifsu
u qal: ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż
bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!
Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu:
Missier, dnibt kontra s-sema
u kontra tiegħek;
ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek;
żommni b’wieħed
mil-lavranti tiegħek’.
Qam, u telaq għal
għand missieru.
Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru,
u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.
It-tifel qallu: ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek’.
Iżda l-missier qal
lill-qaddejja tiegħu:
‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa
u xidduhielu, libbsulu
ċ-ċurkett f’sebgħu u
s-sandli f’riġlejh!
Ġibu l-għoġol l-imsemmen
u oqtluh, ħa nieklu u
nagħmlu festa,
għax dan ibni kien mejjet
u raġa’ qam,
kien mitluf u nstab!’.
U għamlu festa.
Mela ibnu l-kbir
kien fl-għalqa.
Huwa u rieġa’ lura,
kif wasal qrib id-dar
sama’ daqq u żfin.
Sejjaħ wieħed mill-qaddejja
u staqsieh dak x’kien.
Dak qallu: ‘Hawn ħuk
u missierek qatillu l-għoġol
l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’.
Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol.
Iżda hu qal lil missieru:
‘Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt,
u kieku qatt tajtni gidi lili
biex nagħmel ikla u nifraħ
ma’ ħbiebi!
Imbagħad jiġi dan ibnek,
li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen’.
Qallu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek.
Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’”.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Tifħir lilek Kristu
Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan
Sena Ċ
” Dan ħuk kien mejjet
u raġa’ qam,
kien mitluf u nstab.”
Jiena nemmen f’Alla wieħed,
il-Missier li jista’ kollox,
li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher
u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier
u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna. U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni
u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh,
u fit-tielet jum qam
minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u
s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda,
qaddisa, kattolika,appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.
Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan
Sena Ċ
” Dan ħuk kien mejjet
u raġa’ qam,
kien mitluf u nstab.”