Ġesù
mad-dixxipli t’Emmaus
Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk,
inberkuk,
nadurawk,
nagħtuk ġieh.
Inroddulek ħajr
għall-glorja kbira tiegħek. Mulej Alla, Sultan
tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox.
Mulej Iben waħdieni, Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla, Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna.
Int li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis, Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesu’ Kristu, ma’ l-Ispirtu
s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla.
Ammen.
Ġesù
mad-dixxipli t’Emmaus
Qari mill-Ktieb tal-
Atti tal-Appostli
Atti 10, 34a.37-43
F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal:
“Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar
il-magħmudija;
tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk
kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu.
U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel
fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm.
Tawh il-mewt billi dendluh
mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet
fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd,
imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef
tal-ħajjin u tal-mejtin.
Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’
l-maħfra tad-dnubiet
bis-saħħa ta’ ismu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
Dan hu l-jum li għamel
il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah
Salm Responsorjali
Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Dan hu l-jum li għamel
il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah
Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel
tal-Mulej.
Dan hu l-jum li għamel
il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah
Il-ġebla li warrbu
l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel
il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lill-Kolossin
Kol 3, 1-4
Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.
Aħsbu fil-ħwejjeġ
tas-sema, mhux f’dawk
tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla.
Meta jidher Kristu, li hu
l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
Sekwenza
Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom il-Vittma
tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf
in-nagħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù raġa’ ħabbeb
il-midneb ma’ Alla
l-Missier.
F’taqbida tal-għaġeb
mal-Ħajja inqerdet il-Mewt;
u qam Sid il-ħajja
mill-qabar,
isaltan rebbieħ.
“Għidilna, Marija, ħabbrilna:
fit-triq lil min rajt?”
“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, il-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi, li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh.”
O, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Ammen! Hallelujah!
Hallelujah, Hallelujah
Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul:
nagħmlu mela festa
fil-Mulej.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Luqa
Lq 24, 13-35
Dakinhar stess, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws,
xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom,
Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom:
“X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”.
U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.
Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu:
“Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.
“X’ġara?”,
staqsiehom Ġesù.
Qalulu:
“Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u
fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu,
kif il-qassisin il-kbar u
l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat
għall-mewt u sallbuh.
Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!
Issa wkoll xi wħud
min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx;
ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj.
Imbagħad marru ħdejn
il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.
Qalilhom Ġesù:
“Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu
l-profeti!
U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol
fil-glorja tiegħu?”.
U beda minn Mosè u
l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm
fl-Iskrittura fuqu.
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod.
Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu:
“Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”.
Imbagħad daħal biex
joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.
Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu:
“Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.
Dak il-ħin stess qamu u
reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom:
“Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”.
U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim
tal-ħobż.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Ġesù
mad-dixxipli t’Emmaus
Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna. U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni
u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u
fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet,
skont il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej. Ammen.